Highlighting the best in science teaching and research  

Vjaġġa bil-għaqal: id-dinja qiegħda tisħon!

| | | | | | |

Maqlub għall-Malti minn Jürgen Azzopardi

Deutsches Museum in Munich
Deutsches Museum ġewwa Munich
Stampa grazzi għad-Deutsches Museum

Elisabeth Schepers mid-Deutsches Museum ġewwa Munich, il-ġermanja, tintroduċi programm għall-iskejjel fejn jgħaqqad il-bidla fil-klima mal-futur tat-teknoloġija tat-traffiku.

Il-klima tad-dinja qiegħda tisħon, l-aktar minħabba l-livelli ta’ Carbon Dioxide (CO2) fl-atmosfera li qegħdin jiżdiedu. Illum il-ġurnata, it-traffiku huwa dak li qed joħloq għoxrin fil-mija ta’ din iż-żieda.

Żieda fil-livelli tal-gass ta’ l-effett tas-serra CO2 ser iwassal għal iktar sħana globali li se ttellef il-ħajja fid-dinja. Barra minn hekk, fossil fuels – l-iktar sorsi ta’ enerġija mportanti għaċ-ċivilizazzjoni tagħna – huma limitati. Il-bnedmin dalwaqt ser ikollhom jaqilbu għal sorsi alternattivi ta’ enerġija – jekk mhux illum, dalwaqt fil-futur. Iżda l-mobilta` hija waħda mill-bżonnijiet bażiċi: biex tgħix komdu hemm bżonn ta’ mezzi ta’ trasport, enerġija jew lilna nfusna.

Biex ngħixu, għandna bżonn niċċaqalqu minn post għal ieħor, imma b’ dan iċ-ċaqliq neqirdu l-ambjent li fih aħna ngħixu. Kif nistgħu insolvu din id-dilemma? Id-Deutsches Museum w1 indirizza din il-mistoqsija lil studenti, ta’ eta` bejn għaxar snin u sittax-il sena, permezz tal-proġett PENCIL li jinvolvi tlett messaġġi:

  1. Il-Klima hija sistema u aħna nagħmlu parti minnha. Individwalment, ilkoll kemm aħna nagħmlu tikka kontribuzzjoni għal din is-sistema, pero l-effetti tal-kontribuzzjonijiet tagħna kollettivament għal din is-sistema jistgħu ikunu devastanti – bħal tempesti tropikali fl-Ewropa.
  2. Iċ-ċavetta hija soluzjonijiet kreattivi, bħal alternative fuels, renewable energies u metodi differenti ta’ ċaqliq minn post għal ieħor. X’ għażliet għandna? Liema għażla hi tajba għalija?
  3. La aħna lkoll nipproduċu CO2, kollha kemm aħna għandna responsabilta`. X’ nistgħu nagħmlu sabiex nindirizzaw dawn ir-responsabilitajiet?

Esperti fil-klima u l-edukazzjoni mid-Deutsches Museum ħadmu m’ għalliema minn 15-il skola sekondarja biex jiżviluppaw attivitajiet ibbażati fuq ir-riċerka dwar il-klima t’ issa u fuq il-futur tat-teknoloġija tat-traffiku. Il-proġett, li jsir ġos-sala dwar l-ambjent u l-mużew tat-traffiku tad-Deutsches Museum, għandu l-għan li jiżviluppa l-kapaċitajiet bażiċi ta’ riċerka ta’ l-istudenti u l-kapaċita` li jibnu opinjoni ndividwali, li jużaw metodi kross-kurrikulari u interdixxiplinarji, u li jkunu soċjalment inklużi.

L-ewwel messaġġ jiġi ndirizzat fi żjara ġos-sala dwar l-ambjent, fejn tiġi nvestigata s-sistema tal-klima u l-effetti li parti mis-sistema tagħmel fuq il-bqija tal-partijiet fis-sistema. It-tieni messaġġ jiġi diskuss fi żjara oħra, fil-mużew tat-traffiku, fejn l-istudenti joħorġu b’ mistoqsijiet u rakomandazzjonijiet lil aġenziji bħal kunsilli, fabbriki lokali tal-karozzi, klabbs tal-karozzi jew kumpaniji tat-trasport. It-tielet messaġġ huwa l-qofol ta’ role-play fejn tistieden lill-istudenti jużaw l-informazzjoni li jkunu ġabru tul l-ewwel żewġ attivitajiet u mis-sit fuq l-internet magħmul apposta biex jiżviluppaw opinjonijiet tagħhom stess dwar is-suġġett u biex jaqsmu argumenti favur u kontra żviluppi speċifiċi tat-traffiku.

Tipikament, programmi speċjali fid-Deutsches Museum żaruhom skejjel primarji jew skejjel sekondarji ta’ livell ogħla (Gymnasien). Biex tintlaħaq firxa akbar ta’ studenti, stedinna skejjel sekondarji ta’ livell iktar baxx biex jieħdu sehem fl-iżvilupp tal-proġett dwar il-bidla fil-klima. Ir-rispons mingħand dawn l-iskejjel kien pożittiv ħafna, u l-involviment mingħand għalliema ta’ suġġetti differenti u tipi ta’ skejjel differenti kien ta’ għajnuna għalina biex niżviluppaw proġett bi struttura bażika iżda b’ kontentut versatili.

Iż-Żjara fil-mużew

Fi żjara ta’ 90 minuta, is-suġġett tal-bidla fil-klima u t-traffiku jintuża biex jintroduċi lill-istudenti ma’ riċerka xjentifika tal-lum u l-bini ta’ mudelli kif ukoll m’ għażliet politiċi u ndividwali dwar din ir-riċerka.

Per eżempju, fl-attivita dwar l-uragan li ssir ġewwa s-sala dwar l-ambjent, l-istudenti jiġu ntroduċuti ma’ l-effetti ta’ diżastri tat-temp bħal uragani fl-Ewropa. L-istudenti riedu partikolarment jużaw theddida ta’ vera biex jitgħallmu dwar il-bidla fil-klima, u mhux biss permezz ta’ mudelli jew informazzjoni teoretika. L-astratta ‘global warming’ ikkawżata miż-żieda fil-livelli ta’ CO2 ma toħloqx biss ġranet sħan fis-sajf, iżda anki temp estrem bħal dak li għadu kif issemma, l-uragan. Għalhekk, bħala eżempju ta’ bidla fil-klima, użajna l-Hurricane Vince, li laqat il-peniżola Iberika f’ Ottubru ta’ l-2005. Bħalissa, m’ hemm l-ebda mezz tajjeb ta’ prekawzjoni kontra maltemp tropikali fl-Ewropa. Il-mistoqsija lill-istudenti tkun: kif nistgħu nevitaw maltemp tropikali f’ reġjunijiet fid-dinja mhux tropikali? Biex jirrispondu din il-mistoqsija, l-istudenti jagħmlu għadd ta’ attivitajiet differenti ta’ riċerka.

Climate change – what about renewable energies? This student introduces his peers to different options
Stampa grazzi għad-pixelquelle.de/Kurt Michel

L-istudenti jiġu ntroduċuti max-xogħol ta’ riċerka li jridu jagħmlu fi gruppi żgħar permezz ta’ edukaturi mill-mużew, u wara jużaw worksheet sabiex jiġbru informazzjoni mis-swali tal-mużew. Din il-worksheet ġiet żviluppata b’ attenzjoni kbira ħafna, u tippreżenta x-xogħol prinċipali tar-riċerka – waħda mis-sebgħa mistoqsijiet li jwasslu għat-tweġiba finali dwar kif jiġi evitat uragan fl-Ewropa. Is-suġġetti jinkludu mudelli dwar is-sistema tal-klima, il-kontenut ta’ l-atmosfera u l-kontribuzzjoni tat-traffiku għat-tniġġiż, esperiment fiżiku, informazzjoni storika u ġeografika, politika dwar il-klima, għażliet personali u ħarsa lejn renewable energies. L-istudenti m’ humiex imħeġġa biss biex jirrispondu l-mistoqsijiet, iżda wkoll biex jiddiskutu s-suġġetti u li joħorġu b’ aktar mistoqsijiet lill-edukatur tal-mużew. Għaldaqstant, l-edukatur tal-mużew huwa espert imħarreġ ħafna u li għandu PhD fil-bioloġija.

A Year-9 student explaining the greenhouse effect to his classmates
Student ta’ 9 snin jispjeġa l-effett tas-serra lil sħabu tal-klassi
Stampa grazzi għad-Deutsches Museum

Wara, l-istudenti jieħdu lil sħabhom dawra mas-sala, jippreżentaw ir-riċerka u s-sejbiet tagħhom, iwieġbu iktar mistoqsijiet, jirreferu għal preżentazzjonijiet ta’ qabel, u jużaw l-esperimenti tal-mużew u wirjiet interattivi biex jivviżwalizzaw dak li sabu. Edukaturi tal-mużew jgħinu lit-tfal f’ informazzjoni nieqsa, jgħaqqdu preżentazzjonijiet individwali mas-suġġett ewlieni u, l-aktar importanti, iħeġġu lill-istudenti jikkontribwixxu u jirriċerkaw aktar.

Studenti li jżuru huma skantati kif tfajliet u ġuvintur żgħar jistgħu ikollhom influwenza politika, per eżempju bħala konsumaturi, parteċipanti fit-traffiku jew membri fi gruppi ambjentali. L-ewwel jibdew jiddiskutu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ xi suġġetti waqt preżentazzjoni fi grupp: se jkun hemm għargħar fl-Ewropa? Il-kontribuzzjoni tiegħi tagħmel differenza? Jekk innaqsu l-emissjonijiet ta’ CO2, it-temperatura tinżel immedjatament? L-għalliema japrezzaw il-kapaċita` tal-programm li jmiss u jgħaqqad kollox f’ daqqa, għax il-kurrikulu huwa normalment iktar dettaljat iżda ma jagħtix ħarsa ġenerali lejn is-suġġett.

Programm li jikkorrespondi ma’ dan qiegħed jiġi ddisinnjat fil-mużew tat-traffiku, li jħares lejn suġġetti bħal tniġġiż, renewable fuels, enerġiji alternattivi u l-mobilta` bħala bżonn ewlieni għall-bniedem. Flimkien, il-programmi joħolqu stampa ċara dwar ir-rwol li t-traffiku għandu fil-bidla fil-klima u l-għażliet personali li n-nies jagħmlu sabiex jinfluwenzaw dan. Barra minn hekk juru l-impatt mhux biss fil-klima iżda anki fis-soċjeta` u jagħmlu l-istudenti konxji dwar ir-responsabilta` tagħhom.

Role play

Fil-fażi li jmiss, role-plays jintużaw biex jintroduċu lill-istudenti ma’ sitwazzjonijiet li jirrikjedu teħid ta’ deciżjonijiet, per eżempju:

  • Kif nista nagħmel ix-xirja ta’ kull ġimgħa għall-familja?
  • Minn fejn irrid nixtri, u kif irrid nasal hemm?
  • Hemm bżonn nieqaf insuq u nixtri mill-Internet minflok?

L-istudenti diġa jkollhom ftit informazzjoni ġenerali dwar dawn is-suġġetti miż-żjara tagħhom fil-mużew. Biex jiġu inkoraġġuti għal aktar diskussjoni u għażliet, l-istudenti jingħataw kwotazzjonijiet ta’ nies involuti fit-traffiku u f’ suġġetti dwar klima, bħal manager ta’ kumpanija tal-karozzi jew klabb tar-roti, rappreżentant tal-Green Cityw6, jew professur fl-iżvilupp tat-traffiku. Dan il-materjal ser ikun dalwaqt poġġut fis-sit elettroniku tad-Deutsches Museumw2.

Għal kull waħda mit-tlett sitwazzjonijiet, il-pakkett tar-role-play jinkludi kwotazzjonijiet li jippreżentaw numru ta’ argumenti u opinjonijiet, li jippermettu lill-istudenti jaqsmu fehmiet bejniethom jew joħolqu dibattitu. Il-pakkett jinkludi wkoll suġġerimenti għall-mexxej tar-role-play, li jista jkun student jew għalliem.

Climate change – what about renewable energies? This student introduces his peers to different options
Bidla fil-klima – Xi ngħidu dwar renewable energies? Dan l-istudent qiegħed jintroduċi lil sħabu m’ għażliet differenti
Stampa grazzi għad-Deutsches Museum

Ir-role-play jista jsir wara wieħed mill-programmi tal-mużew, jew l-iskola wara ż-żjara. Issir meta ssir, l-istudenti jiftakru l-informazzjoni miż-żjara fil-mużew (jew mis-sit elettroniku) u jargumentaw minn perspettivi differenti. B’ hekk, jiżviluppaw opinjonijiet għalihom infushom dwar il-bidla fil-klima, opinjonijiet personali, renewable energies, u oħrajn, flok ma jadottaw opinjoni poġġuta lilhom.

Sit Elettroniku

Biex jgħin lill-għalliema isegwu ż-żjajjar fil-mużew fil-klassi, is-sit elettroniku tad-Deutsches Museum jipprovi informazzjoni dwar il-bidla fil-klimaw2, b’ sezzjoni ġdida dwar bidla fil-klima u t-traffiku. L-informazzjoni hija provduta kemm bl-Inġliż u kif ukoll bil-Ġermaniż, u tindirizza sebgħa suġġetti ġenerali dwar il-klima. Sezzjoni oħra hija partikolarment dedikata għall-proġett, dwar l-effett tas-serra, bidla fil-klima, sistema tal-klima, l-Antartika, storja tal-klima, politika dwar il-klima, logħba, u l-klima u t-traffiku, li tinkludi alternative fuels u teknoloġija ġdida ta’ magni u ideat għal mobilta` tal-futur.

Evalwazzjoni

Kif żviluppa l-proġett? Dan il-proġett involva kooperazzjoni intensiva bejn għalliema, l-istudenti tagħhom u l-mużew.

L-ewwel, l-opinjonijiet ta’ 133 student minn skejjel differenti u tipi ta’ skejjel differenti ġew mistħarrġa. Il-biċċa l-kbira minnhom ma kellhom l-ebda tagħrif dwar il-kuntest tal-bidla fil-klima u t-traffiku. Kienu nteressati dwar diżastri tal-klima, iżda ftit dwar politika tal-klima jew is-sistema tal-klima. Kienu qed ifittxu iktar sensazzjonijiet milli tagħrif politiku jew xjentifiku.

Is-16-il għalliema involuti fil-proġett riedu jindirizzaw renewable energies u bidliet fl-imġieba personali b’ intenzjoni li niġġieldu kontra l-bidla fil-klima. Il-politika dwar il-klima ma deheritx importanti lanqas.

Is-suġġetti ġew magħżula fuq bażi ta’ din l-evalwazzjoni. Użajna sensazzjoni (l-uragan fl-Ewropa) bħala introduzzjoni u kkonkludejna bl-isfida personali rigward bidla fil-klima. Fl-istess ħin, ikkunsidrajna x-xewqa ta’ l-għalliema li ninkludu s-sistema tal-klima u li jintmess u jingħaqad kollox f’ daqqa. Biex ma nħallux lill-istudenti jħossuhom inkapaċi jew bla ħeġġa, ġiet inkluża nformazzjoni dwar l-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC).

L-istudenti ta’ kull eta` jew skola, li ħadu sehem fil-fażi li jmiss ta’ l-evalwazzjoni, ħadu gost jitgħallmu l’ barra mill-klassi, jagħmlu attivitajiet u jesperimentaw flimkien mal-ħbieb u esperti, u b’ mod attiv jinfurmaw ruħhom mingħand l-esperti aktar milli jisimgħu b’ mod passiv. Ftit minnhom riedu inqas struttura fl-attivitajiet, sabiex ikollom ċans jesperimentaw u jużaw l-elementi fl-esebizzjoni, jew anki jsolvu xi misteru. Ma riedux jimlew kwestjonarji.

L-għalliema wkoll aprezzaw l-esperimenti u l-eżerċizzji ta’ misteru imma ma tantx kienu kuntenti bix-‘xogħol bla gwida’. Riedu dawriet gwidati minn esperti u kwestjonarji biex jimtlew mill-istudenti, u jekk jista jkun bi stil multiple-choice.

Worksheet with detailed questions guiding through the work assignment. Hints on where to find the information save the students from too much reading. The lines for taking notes help structure the presentation
Worksheet b’ mistoqsijiet dettaljati biex jgħinu fix-xogħol mogħti. Għajnuniet dwar fejn tista ssib l-informazzjoni jiffrankaw ħafna qari żejjed lill-istudenti. Il-linji fejn jistgħu jieħdu n-noti jgħinu fl-istruttura tal-preżentazzjoni
Stampa grazzi għad-Deutsches Museum

Permezz ta’ dan il-feedback mill-istudenti u l-għalliema, ikkombinajna l-metodi fil-programm użat bħalissa billi biddilna worksheet li tinvolvi parteċipazzjoni attiva mill-istudenti ma’ role-plays u preżentazzjonijiet bi stil li jibbaża aktar fuq djalogi.

Peress li l-programm revedut kien fetaħ għall-iskejjel kollha fi Frar ta’ l-2007, is-sejbiet mill-evalwazzjoni ġew ivverifikati diversi drabi. L-għalliema japprezzaw it-taħlit fl-istruttura u x-xogħol mill-istudenti bla gwida, l-istudenti jieħdu gost jaħdmu fi stil differenti billi jużaw kapaċitajiet orali b’ diskussjonijiet ma’ l-esperti aktar milli kapaċitajiet ta’ kitba. Il-programm isir qisu darba fil-ġimgħa – u d-domanda hija li jsir iktar ta’ spiss, imma dan ma jistax iseħħ minħabba r-riżors limitat ta’ staff mid-dipartiment ta’ l-edukazzjoni tad-Deutsches Museum.

PENCIL

Il-proġett tad-Deutsches Museum huwa wieħed mill-attivitajiet tal-proġett PENCIL w3 (Permanent EurpeaN resource Centre for Informal Learning). Il-PENCIL, koordinat mill-Ecsitew4 u b’ fondi mill-Kummissjoni Ewropeja bħala parti minn NUCLEUSw5, jimmira biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet operattivi bejn l-iskejjel u l-edukazzjoni informali fix-xjenza f’ ċentri u mużewijiet ta’ xjenza.

Erbatax-il ċentru u mużew ħolqu pilot activities bi sħubija m’ għalliema u skejjel; xi materjal qiegħed diġa poġġut fuq l-internet. Akkademji u skejjel sħab qiegħdin jaħdmu biex jindentifikaw metodi fundamentali biex jinbidlu attivitajiet informali tax-xjenza f’ dawk innovattivi, għodda ta’ kwalita` għolja fit-tagħlim tax-xjenza.

Referenzi fuq l-internet

w1 – Id-Deutsches Museum huwa wieħed mill-akbar mużewijiet tax-xjenza fl-Ewropa

w2 – Materjal dwar il-bidla fil-klima jinsab fis-sit elettroniku tad-Deutsches Museum.

w3 – Informazzjoni dwar PENCIL tinsab fis-sit elettroniku ta’ l-Xplorae.

w4 – Is-sit elettroniku ta’ l-Ecsite, l-organizzazzjoni Ewropeja li tirrapreżenta ċentri u mużewijiet tax-xjenza.

w5 – Informazzjoni dwar NUCLEUS tinsab fis-sit elettroniku ta’ l-Xplora.

w6 – Green City hija non-governmental organisation li taħdem biex ittejjeb il-kwalita` ta’ ħajja ġewwa Munich permezz ta’ pjanar ekoloġiku urbanistiku.

Riżorsi

Għal aktar informazzjoni dwar tagħlim formali u nformali, ara:

Davies P (2004) Anerkennung und Wertschätzung informellen und formellen Lernens. In John H, Thinesse-Demel J (eds) Lernort Museum – neu verortet. Bielefeld, Germany: Transcript Verlag für Komma fdunikation, Kultur und soziale Praxis

Black G (2005) The Engaging Museum: Developing Museums for Visitor Involvement. New York, NY, USA: Routledge

Weber T (2002) Learning in schools and learning in museums: which methods best promote active learning? In Calcagnini S, Felfoldi Z, Van Den Bosch J, Xanthoudaki M (eds) A Manual of Good Practice Based on the Collaboration Between Science Museums and Schools. Milan, Italy: Museo Nazionale della Scienza e della Tecnologia

Bevan B, Semper RJ (2006) Mapping Informal Science Institutions onto the Science Education Landscape

Science on Stage Deutschland (2006) The importance of interdisciplinary education. In Teaching Science in Europe. Berlin, Germany.

Lewalter D, Geyer C (2005) Die Evaluation der Homepage des ZNT. In Noschka-Roos A, Hauser W, Schepers E (eds) Mit neuen Medien im Dialog mit den Besucher pp 32-42. Berlin, Germany: G+H Verlag

Copyright: attribution Copyright: non-commercial Copyright: no derivatives